Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-eluf ta’ ċiklisti u sewwieqa tal-muturi li dalgħodu kkonkorrew bi ħġarhom għal The President’s Bike Ride 2014, l-ewwel Bike Ride Nazzjonali fejn ċiklisti u sewwieqa tal-muturi ngħaqdu flimkien b’solidarjetà mal-Malta Community Chest Fund.
F’indirizz li għamlet lill-eluf ta’ ċiklisti u sewwieqa tal-muturi fi tmiem din il-Bike Ride Nazzjonali, il-President ta’ Malta qalet li tħossha kburija li l-Maltin u Għawdxin qed jingħaqdu f’tim wieħed ta’ mħabba b’risq il-Malta Community Chest Fund, li huwa l-unika fond Nazzjonali li minnu qed jibbenefikaw mijiet ta’ persuni li jiġu bżonn l-għajnuna u s-sostenn meta jiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet ta’ mard serju bħal dak tal-kanċer.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca kienet akkumpanjata mis-Sur Edgar Preca, li b’mod individwali rringrazzjaw lill-parteċipanti għall-appoġġ qawwi li wrew għal din l-attività.