Titwaqqaf in-National Cancer Platform taħt l-Awspiċi tal-President Ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca

Dalgħodu għall-ewwel darba fil-pajjiż, twaqqfet in-National Cancer Platform li tiġbor flimkien ħdax–il għaqda mhux governattiva li se jikkollaboraw  f’ħidma b’risq persuni morda bil-kanċer. L-għaqdiet huma Action for Breast Cancer; Aurora Support Servce; Europa Donna Malta; Hospice Malta; Karl Vella Foundation; Lumiere Support Grp; Malta Community Chest Fund;  Malta Health Network; Malta Cancer Awareness Group; The Ostomy Club  u Puttinu Cares. 
Waqt li ġiet varata din il-pjattaforma fil-Palazz il-Belt Valletta, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-għaqdiet ta’ din il-platform li laqgħu b’mod pożittiv l-istedina li għamlitilhom xhur ilu biex jikkollaboraw flimkien sabiex jiżguraw servizz ħolistiku u sostenibbli għall-pazjenti tal-kanċer u l-familji tagħhom.
Il-President spjegat kif hija x-xewqa kbira tagħha li tara għaqdiet, li filwaqt li jżommu l-identità tagħhom, jikkollaboraw flimkien fil-ħidma tagħhom għal skop wieħed; din id-darba, li jgħinu dawk kollha morda bil-kanċer, u l-għeżież tagħhom.  Il-President spjegat li “Dan huwa l-pass li jmiss fil-mixja għall-maturità fil-qasam soċjali.  Il-pass li jmiss fl-effiċjenza  u fl-effettività fis-servizzi li nagħtu. Il-pass li jmiss fil-mod kif nagħtu valur sħiħ għall-flus li ningħataw mill-poplu biex naħdmu favur ħutna”
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-President fakkret kif kull sena qed ikun hawn aktar minn 300 mara li jkollha kanċer tas-sider; iżjed minn 140 raġel u 70 mara li jimirdu b’kanċer tal-pulmun; 160 raġel affettwat minn kanċer fil-prostata u mal-120 raġel u daqstant ieħor nisa, ikollhom colorectum cancer.
Il-President spjegat li dawn il-figuri jfissru li mal-2000 ruħ fis-sena jiġu affetwati minn kanċer, u daqstant familji  jiġu wiċċ imbwiċċ mad-diffikultajiet li ġġib magħha din il-marda kiefra tal-kanċer.  Fid-diskors tagħha, il-President fakkret fit-tbatija li qed jgħaddu minnha familji Maltin u Għawdxin kawża tal-kanċer, fosthom tfal li jitilfu wieħed mill-ġenituri tagħhom; familji li jitilfu l-persuna li tkun qed taqla’ l-għexien tagħha, u tispiċċa tgħix fil-faqar; u nies li jkunu kostretti li saħansitra jbiegħu darhom biex ikunu jistgħu jaffordjaw iħallsu għall-kemoterapija meta jaraw xaqq ta’ dawl għal fejqan.
Fuq suġġerimenti li għaddew l-istess għaqdiet ta’ din il-platform se jsir xogħol fuq kalendarju li jiġbor l-avvenimenti kollha marbuta mal-kanċer.   Il-President spjegat li dan jassigura li jkun hemm kordinament fid-dati u l-iskop tal-proġetti, biex ma jkunx hemm ħela ta’ riżorsi.
Proposti oħra li kien hemm qbil fuqhom jinkludu, li jinħoloq drop-in centre, fejn wieħed jista’ jsib l-għajnuna kollha li jkun jeħtieġ.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġie varat ktejjeb ta’ għajnuna min-National Cancer Platform, li jiġbor fih informazzjoni u dettalji ta’ kuntatt ta’ kull għaqda ta’ dan il-platform li qed toffri għajnuna bla ħlas lil persuni morda bil-kanċer u lill-għeżież tagħhom.  Ġie wkoll varat helpline bin-numru  8007 2388, liema servizz se jiġi operat mill-Malta Community Chest Fund.
Il-President sostniet li temmen, u tixtieq tara li tinbena kollaborazzjoni sħiħa bejn l-għaqdiet tal-platform, biex b’hekk il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom servizz ħolistiku, f’sitwazzjonijiet ta’ tant tbatija. 

Minbarra fuljett u helpline, in-National Cancer Platform vara wkoll paġna fuq Facebook, bit-titlu NCPMalta. 

 ​