Varat ktieb dwar is-Saħħa Mentali ‘Bdoti fil-Maltemp’ taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta

Dalgħodu taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ġie varat il-ktieb ‘BDOTI FIL-MALTEMP’ li huwa l-ewwel gwida bil-lingwa Maltija għal dawk li qed jaffaċċjaw sfidi ta’ saħħa mentali. Il-ktieb huwa prodott tal-Fondazzjoni St Jeanne Antide u l-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Mentali, intenzjonat biex jinforma u jagħti tama għall-fejqan lil persuni li qed jaffaċċjaw sfidi ta’ saħħa mentali.

 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ San Anton il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li skont stħarriġ tal-Eurobarometer tal-2010, f’Malta l-livell ta’ ansjetà, stress u dipressjoni huwa ta’ 12% ogħla mill-medja Ewropea. Qalet ukoll kif 15% tal-Maltin isofru minn sitwazzjonijiet ta’ mard mentali f’xi stadju matul ħajjithom, u li n-nisa huma iktar suxxettibbli għal problemi ta’ saħħa mentali mill-irġiel. Qalet ukoll li persuni li jaqilgħu dħul baxx isofru problemi mentali tliet darbiet iktar minn persuni oħra.

 

Il-President ta’ Malta faħħret lill-Fondazzjoni St Jeanne Antide u lill-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Mentali għal din l-inizjattiva li qed tixgħel dawl għal dawk li qatt ma kellhom membri tal-familja li għandhom dawn l-isfidi ta’ saħħa mentali.

 

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellmet Connie Magro li ilha snin twal tagħti servizz lil persuni b’mard mentali fil-Fondazzjoni St Jeanne Antide. Spjegat ukoll l-isfidi li jaffaċċjaw it-tfal u l-adoloxxenti minħabba problemi ta’ saħħa mentali u l-bżonn ta’ appoġġ.  

Il-ktieb ‘Bdoti fil-Maltemp’ kien proġett li seħħ permezz tal-fondi mill-Istrina 2013. Il-ktieb huwa gwida ta’ kif wieħed jista’ jieħu ħsieb qarib b’mard mentali. Id-daħla tal-ktieb hija miktuba mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca. 

Il-ktieb fih informazzjoni fosthom dwar 12-il marda mentali spjegata, b’pariri għall-qraba fi tmiem kull taqsima; taqsima fuq il-mediċini preskritti mill-psikjatri llum; u dwar x’jgħaddu minnu l-aħwa ta’ persuni b’mard mentali.